Taqbiliet Popolari 2 - IL

Download Report

Transcript Taqbiliet Popolari 2 - IL

Taqbiliet Maltin

(it-tieni parti) http://malti.skola.edu.mt

Anġolin!

- Anġolin! Anġolin!

Ġej vapur.

- Minn fejn ġej?

- Mill-Ħamrun.

- Meta jasal taħt il-mina jagħmel, Xiqq! paqq! pumm!

Ċetta Ċettina

Ċetta Ċettina daħlet fil-kċina, kixfet il-borma u serqet għaġina.

Ċetta Furfiċetta

Ċetta furfiċetta l-għarus tagħha parrukkier.

Qatgħalha xagħarha kollu U ħallielha nokklu quddiem.

Ġanni l-bidwi

Ġanni l-bidwi razzett għandu, fih irabbi l-annimali mogħża u ħmara fih insibu kif ukoll xi sitt majjali. Għandu żiemel abjad kollu, baqra smina u tal-ħalib, tiġieġ, flieles u kelb iswed, li ta’ dawn huwa l-ħabib.

Johnny Ġonta

Johnny Ġonta fi mnieħru għandu ponta; Ponta mhux musmar, naqqarhielu d-dundjan!

Katarin

Katarin ġibtlek lampuka.

Katarin kebbes in-nar.

Katarin iftaħ it-tieqa, ħalli joħroġ id-duħħan.

Carmel G. Cauchi

Il-Festin

Kien hemm waħda mara l-Imdina, li għamlet festin f’għeluq sninha.

Imma ħbieb ma stidnitx, għax nies ma riditx, u stiednet sittax-il xadina.

Carmel G. Cauchi

Il-Qaqoċċ

Naf mara li tħobb il-qaqoċċ tnax tiekol kull kwarta bl-arloġġ, u biex ma taħlix il-qxur ma tarmix imma tħithom u tagħmel papoċċ.

Pawlu Pasparawlu

Pawlu Pasparawlu, taħt is-sodda jisparawlu.

Sparawlu tliet darbiet u qattgħulu l-qalziet.

Tar-Rizzi

Tar-rizzi waqa’ l-baħar Tal-imħar qabeż għalih!

Tar-rizzi tela’ jiġri, Tal-imħar baqa’ fil-qiegħ!

Sulfarina

Sulfarina mara ċkejkna għandha tfal tnejn u ħamsin.

Hija żżommhom ġewwa kaxxa dejjem hemm, dejjem reqdin.

It-Tifla tal-Kampanja

Jien tifla tal-kampanja l-iskola ma mmur qatt.

Id-dar nilgħab ma’ ħuti, jew fl-għalqa nagħżaq l-art.

Do re mi fa fa fa Do re mi fa fa fa Do re mi fa so la si do.

Bl-imgħażqa fuq spallejja, b’xi biċċa ħobż f’idejja, maktur marbut ma’ rasi, biex nilqa’ x-xemx għaddejja.

Do re mi fa fa fa Do re mi fa fa fa Do re mi fa so la si do.

Kemm nixtieq li kont reġina, Biex inkun inkurunata.

Iżda jiena tifla fqira, fl-għalqa niżra’ l-patata.

Do re mi fa fa fa Do re mi fa fa fa Do re mi fa so la si do .

Il-Bewsa tan-Nanna

Waqt li Toninu, kien qiegħed jaqra, b’qattus maġenbu, u kelb daqs naqra, daħlet in-nanna, inkiss inkiss u tatu bewsa, kif kien imiss!

Anastasju Cuschieri

Wieħed, tnejn, tlieta...

(Ċetta) Wieħed, tnejn, tlieta.

Ċetta kemm hi kwieta.

Erbgħa, ħamsa, sitta.

Ċetta kemm hi fitta.

Sebgħa, tmienja, disgħa.

Ċetta tħobb il-wisa’.

Għaxra, ħdax, tnax, Trid tiġri u ma tistax!

Brother Henry

Wieħed, tnejn, tlieta...

(Paċikk) Wieħed, tnejn, tlieta, Paċikk qabeż mit-tieqa.

Ġie fuq blata, weġġa’ l-patata.

Mar għand ommu, bamblithomlu.

Mar għand missieru, kissirlu snienu.

Mar għand ir-re, garalu gabarrè.

Mar għand ir-reġina, tefgħetlu kuċċarina.

Mar għand l-ispiżjar garalu pakkett tajjar.

Mar għand it-tabib, garalu bott ħalib.

Ħaduh l-isptar, għattewh bil-liżar.

Ħallewlu ż-żokra barra u naqqarhielu d-dundjan!

Ix-Xufier

Tiri, tiri, tanna, u aħna s’hawn wasalna.

Qus, qus, qus u x-xufier kemm hu gustuż.

Okkli, okkli, okkli, U x-xufier kemm għandu nokkli.

Ana, ana, ana, u x-xufier kemm hu minn tagħna.

Qusa, qusa, qusa, u x-xufier għandu l-għarusa.

Iz-Zija ta’ Ħal Lija

Darba z-zija ta’ Ħal Lija ġiet għalija filgħaxija.

Oħti Pija qabdet fija għax iz-zija ferħet bija.

Jiena sfart daqs il-lumija, qbadt qasrija tfajtha ’l ħija.

Ilqatt iz-zija li din toqgħod numru mija, Triq San Lija, ġo Ħal Lija!

Il-Festi

Santa Marija, il-Mosta.

Il-Vitorja, in-Naxxar.

Santa Liena, Birkirkara.

Tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar.

Lajla lila!

Lajla lila, ħudni miegħek.

Lajla lila, ħudni d-dar.

Teħodnix il-festa miegħek, Għaliex nibża’ mill-isparar.

San Martin

(fil-11 ta’ Novembru) Ġewż, lewż, qastan, tin, Kemm inħobbu ’l San Martin!

Ninu Ninu tal-Milied

Ninu Ninu tal-Milied, ommu għamlet il-qagħqiet; Il-qagħqiet tal-qastanija Santu Rokku tat-tiġrija. (jew Lesti l-bhejjem għat-tiġrija) Għax għaddew il-festi kollha, baqa’ biss Santa Marija!

Id-Dudu

Fis-siegħa twieled dudu.

Fis-sagħtejn beda jitwal.

Fit-tlieta kellu mara.

Fl-erbgħa kellu t-tfal.

Fil-ħamsa miet.

Fis-sitta ħaduh.

Fis-sebgħa difnuh.

Fid-disgħa qalgħuh.

Fl-għaxra sajruh.

Fil-ħdax kiluh.

F'nofsillejl għadduh.

L-Għasfur

L-għasfur minn tal-kampanja, minn siġra għal oħra jtir.

Jiekol it-tina l-misjura u n-nejja jħalliha ssir.

Lupu Lupu

- Lupu, lupu X’inti tagħmel?

- Qed inħaffer ħofra.

- Il-ħofra għalfejn?

- Biex nagħmel il-misħun.

- Il-misħun għalfejn?

- Biex insinn is-skieken.

- Is-skieken għalfejn?

- Biex noqtolkom!

It-Tiġieġa

It-tiġieġa biedet bajda, biditha fil-katusa.

Ma kellhiex min iġibhielha ġabithielha l-qattusa.

Taqbiliet Maltin oħra ssibhom f’dawn il-kotba: • • • • • • • • Carmel G. Cauchi, Pizzi Pizzi Kanna, 1978, 2006, pubblikazzjoni tal-awtur.

Carmel G. Cauchi, Onġi Onġi Onġella, 1982, 2006, pubblikazzjoni tal-awtur. Carmel G. Cauchi, Laqt u Xiber, 2006, pubblikazzjoni tal-awtur.

Victor Fenech, DO-RE-MI – kant u logħob tat-tfal Maltin, 2006, Kotba Merill.

Guido Lanfranco, Logħob, Taqbil u Ġugarelli tat-Tfal Maltin sa Nofs is-Seklu Għoxrin, 2006, Wise Owl. Keith Mayl et al (edituri), Taqbiliet Maltin għall-Kbar u għaż-Żgħar, 2010, Rhymed, Malta.

Maria Grazia Sammut et al (edituri), Taqbil u Għanjiet/Rythm and Rhyme, 2008, il-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Iskola Primarja tal-Furjana.

Bro. Henry, Madwari 2, 1979, Pub. De La Salle.

Taf b’xi ktieb ieħor? Ibagħtilna d-dettalji tiegħu ħalli nżiduh mal-lista.

Taqbiliet oħra mmużikati ssibhom fis-sit:

http://schoolnet.gov.mt/socialstudies/Rizorsi/inkantaw.htm

GRAZZI http://malti.skola.edu.mt